Simone
Inguanez
ritratt li ma stajtx ma nibgħatlekx
għalik għax
ma stajtx inġiblek il-baħar
il-baħar – arah
jokrob bl-uġigħ tax-xemx nieżla
jistabat ma’ l-ilsna tal-blat
– u jitħabat
hu u jnaqqas in-nifs
għalija għax sogħob bija
kuljum insaqqi l-ġnien tiegħi
stivat f’ringiela ta’ qsari żgħar
– fuq il-ħogor uħud ta’ vera uħud le
waħda waħda
kuljum niftaħ it-tieqa
u noħroġ għonqi nittawwal
niċċekkja l-wied għadux hemm
kuljum ninżel it-taraġ imħaffer
u nħalli ħsieb fuq kull waħda
– u nerġa’ lura niġborhom
u nibqa’ tielgħa sal-bejt
u nerġa’ niftaħ u nħares – ’l
isfel u ’l bogħod
u nonfoħ ’il ġewwa bil-mod
u nżid ftit ftit u naħseb narmihx
u nkompli nżid
– u naħseb baqax
din l-art
din l-art li trabbejt fiha mutraba – mutraba
sew
taħt iż-żrar taħt
il-konkos tindifen
bir-ruħ u l-ġisem tinhereż
wied wied jaqa’ s-skiet
sa ma tiksru r-riħa
li taqsmu
nannuwi jagħżaq nannuwi jsaqqi
nannuwi f’soddtu jistaqsi
telax il-ful telax l-għeneb
fetħux isbaħ id-dalji
dix-xitwa dir-riħa t’għelieqi
maqfula sod f’imnifsejh nieżla
miegħu
– iż-żebbuġ – il-basal ta’
ħdejn in-naħal
il-bużbież – u t-tina x-xiħa– u
l-ħawħa –
jaqsmuh
is-skiet jaqsmuh
meqruda wied wied
tinhereż ġisem u ruħ irmied
taħt iż-żrar taħt
il-konkos tindifen
mutraba – mutraba u midfuna l-art li trabbejt
fiha
il-fjur li trid tifga
il-fjur li trid tifga ħanini tirfsux
għax ifuħ – ifuħ aktar
– u ma nafx jifilħux imnifsejk
vincent
għal van gogh u oħrajn
xtaqt
żammejtek ftit – ftit – u ġibtek
haw’ tilgħaq raxx xatt il-baħar
tbaħbaħ għajnejk tbaħbaħ ruħek
fl-ikħal fil-blu akwamarin turkważ
trasparenti – mifrux – toqtor l-għejja
u t-toqol u qalbek sewda
sa jerġa’ jibdielek u tibqa’ togħxa
– bix-xita tfaqqa’ u x-xiħa traqqa’
d-djar żgħar fil-ħaxix u l-qamħ u l-peprin
u d-dwal imżellġa – ġo l-ilma u l-ħamrija
u d-dellijiet tal-fanali jpittru l-uċuħ fuq il-ħajt –
xtaqt
xtaqt ġibtek – u bqajt inżommok
– ħa tfieq
nibqa’
jien mnej’ jien ma nafx
fix-xtut tiegħek – imma – noqgħod
ma jweġġagħni xej’ l-isfar tagħhom mar-riħ
jew l-aħdar iħaxwex f’widinti minn taħt l-ilsien
jew il-melħ iċafċaf jitbandal
mnej’ jien ma nafx
jekk tħallini – imma – nibqa’
xita fuq laħmi / xewqa
għalik għax
għalaqtli
ħa tinżel ix-xita fuq laħmi – iftaħli
ħa jaħbat ma’ driegħi r-riħ – jiksini
jisqini gliegel fietla fil-miġbaħ
– middni
għerja fix-xagħri filgħodu
jiġborha safja ġismi il-qiegħa
u nħalltu u naqsmu flimkien
dal-ġisem jiflaħ u jrid
min qallek drawwa iebsa qatt ma taqtagħha?
mitt darba qtajtha did-drawwa